Versione :

Qamar?

Samwel, wara sena u nofs

Għax int bi nhar bilfors trid tara l-qamar;
u jien, għax dmiri li nissodisfak,
noffrilek xemx li tfiġġ minn wara sħaba,
imm’ int ma tridx ‘il “din”, int trid ‘il “dak”.

Għalhekk, minkejja n-nhar, tistenna l-qamar,
u jien ġo fija naf li mhux se jfiġġ;
noffrilek nostalġija, qamar kwinta,
imm’ inti tridu issa stess, pariġġ.

Għax int mhux biss bil-lejl trid taħfen qamar,
u jien ma nafx kif se nikkuntentak,
“hemm ġranet mod u ġranet mod”, infiehmek,
imm’int ma tridx diskors, int trid ‘il “dak”.