Versione :

Distanzi

Lil Zing u n-neputi tiegħu Jean ta’ 10 snin

Fih sitt piedi u erba’ pulzieri
imma quddiem l-iskrin,
hu u jaqra l-ismijiet u l-konsonanti –
speċjalment il-konsonanti –
jinżel qisu tfulija quddiem il-cartoons;
u kull kelma – sħiħa – irid itegħemha,
qisha njama raffa jew tewma,
bħal memorja titħaxken mal-ġnub,
u quddiem,
u tagħti togħma dejjiema lill-kliem.

“Congo deux mille,” jgħidli.
“Hawnhekk issib kulma trid.”
U għal mument jagħlaq għajnejh imsammrin.
Imbagħad jerġa’ jibda jsegwi l-ħoss
ta’ kull kelma bil-Franċiż,
ta’ kull isem Kongoliż,
u niftakar f’pajjiż b’valuri sodi,
l-aħħar sur tas-sewwa f’dinja dnewwa,
u l-laqgħa li tawh il-pulizija u l-armata
bil-maktur abjad ma’ ħalqhom
u ċella improvizzata għal mitt ruħ
għal disa’ xhur
għas-sewwa.

Bukavu, Uvira, Lubumbashi,
Bunia, Kisangani.

Nixtrihom dawn l-ismijiet
u nużahom għall-poeżija,
ħalli int u taqrahom
iddawwarhom bħas-soldi ġo rasek,
jew taqfilhom fiċ-ċella ta’ ħarstek.

“L'Etat exerce-t-il aujourd'hui
sa souveraineté sur l'ensemble du territoire?”
tistaqsi Le Monde.
“Oui et non, répond le chef de l'Etat congolais.”
La iva u lanqas le.

Ċlikk.

Forsi Bukavu m’għadhiex maħkuma mir-ribelli Rwandiżi.

Ċlikk.

Forsi tista’ twaqqaf dal-projector,

ċlikk,

u torqod,
u tkampa.

Ċlikk.

U dak mhux missierek taħt azzarin,

ċlikk,

u ommok mhix taħt it-trab,

ċlikk,

u Bunia ma tliftx ’il Jean.

Ċlikk.

Xi mkien hemm għaxar snin maqbuda
bejn uniformijiet familjari,
bejn skiet u rifle tqil.
“Iss’ili ma nkellimha tliet ġimgħat ’il oħti.”
U hemm id-distanza kollha mifruxa f’għajnejh,
naħseb.

Għandu rkopptejh mad-dashboard.
“Jekk immut nibża’ li ma tkunx soluzzjoni.”

F’daċ-ċokon
ma nafx x’se naqbad nagħmel b’għajnejja u bil-kliem.

U hemm distanzi mwerwra kullimkien.

Ċlikk.