L-Imbatt
Puesia
lil Abder
Kif trossha 'l dik il-qalb kbira f’dik il-ruħ magħluba?
F’għajnejk il-baħar frisk tal-Mediterran,
it-taqtigħa siekta bejn bnedmin rashom iebsa u ambjent ostili.
Dirgħajk jgħannqu malajr, Abder,
imma ruħek ma tbigħhiex,
lanqas għal tgħanniqa, aħseb u ara ħamburger, jew donut.
Imma dik it-tgħanniqa għad tifnik, Abder,
u anki dal-baħar kelb tiegħu nnifsu.
Dawn il-martirji żgħar u kbar, fl-Alġerija u kullimkien,
għad ma jkunux biżżejjed
u niltaqa’ miegħek fi Franza bil-memorji mxajtna f’idejk
u tgħidli, bil-Franċiż,
li ma tistax tinsa l-memorji li għannaqt b’qalb li darba riedet tkun,
u kienet,
kbira.
Mhix postha hawn dik il-taħbita soda, Abder,
avolja ma tridx tammetti.
Dal-baħar ħażin wiegħdek id-dinja kollha fil-pali ta’ idejk,
u int bqajt b’idejk miftuħa
minkejja t-tbissim nejjieki u d-daqqiet.
Mhix postha hawn dik il-qalb kbira,
u int ma temminx li jista’ jkollha post ieħor,
merfugħ xi mkien.
F’għajnejk hemm id-dar żgħira qrib il-baħar
fejn rajt affarijiet kbar.
Imma dik id-dar ħadha ħaddieħor issa,
u postok hawn,
fuq din in-naħa,
tħoss l-imbatt ġo sidrek magħlub,
u tisma’ l-mewġ dgħajjef tiela’ min-naħa l-oħra
tal-Mediterran.