Versione :

Quddiem l-Ispiżerija tal-Gvern

Quddiem l-ispiżerija tal-Gvern
jieħdu posthom wara xulxin
il-ħajjiet siekta, abbandunati,
li jgħixu minn pinnola għal pinnola,
minn riċetta għal riċetta,
minn kju għal kju.
Ix-xemx tasal qabel il-ħin,
kif tagħmel is-soltu,
u taħraq iktar mid-darba l-oħra.
Mill-ispiżerija joħorġu jiġru
qishom ambulanzi maħruba
ix-xnigħat dwar pinnoli neqsin,
jew dwar regoli u firem ġodda
li nibtu hu u jitfassal il-kju.

Mar-rawndabawt
il-karozzi jduru bl-amment u bl-addoċċ,
bħax-xnigħat,
barra dawk il-waħdiet li jridu jobdu r-regolamenti
li lanqas il-pulizija,
(bl-għassa maġenb l-ispiżerija dejjem magħluqa,)
ma jobdu, jew jafu bihom.

Ftit ftit kulħadd jinqeda,
minkejja t-tgergir,
u x-xemx tmur tinġabar bi kwietha
għax il-lejl f'dan-naħat tal-ħajja
rawndabawt bit-toroq magħluqa.