Versione :

Ċelel

Minn fejn kull filgħaxija kont inċempel,
f'daqsxejn ta' kamra msaħħna forma t'elle,
imdawra bil-kabini qishom ċelel,
u mżejna sbieħ, kull waħda b'ħabsi mdendel
jiggranfa mar-receiver kollu swaba';
fil-post fejn filgħaxija kont inċempel,
b'dar-raġel twil bid-daqna folta u ħamra,
jitkellem jgħajjat u jinstema' barra;
kien hemm dar-raġel mhux għal kollox magħna,
li kien idawwar sold idur maċ-ċelel,
u jbigħ il-kards bi ftit ċenteżmi fihom
li kien isib u jiġbor minn warajna;
kien hemm min kien jipprova jiżgiċċalu,
u jżomm il-bwiet taħt sorveljanza stretta;
kien hemm min proprjament kien jibża' minnu,
u oħrajn li kienu għala biebhom minnu;
kien hemm ukoll min kien iħobb iwieġbu,
u jħarref kif jaf hu biex jibqa' jkellmu,
u jaqta' mill-priġunerija tiegħu.