Asefru għal Poplu
Puesia
lil ħabibi Samir, Berberu Alġerin, waqt gwerra ċivili
F’għajnejh hemm kontinent jissara u jirbaħ,
kulturi jistennew bla kwiet il-waqt,
muntanji siekta jitħejjew għall-baħar,
memorji ‘l hawn u ‘l hemm bħal dwal weqfin.
Bagħtulu nota d-dar u avżawh… inkella…
minn dak il-ħin sar klandestin taż-żmien;
u kulfejn mar
kien bogħod mid-dar
li ma ridhiex,
u riedha.
F’għajnejh hemm konvinzjoni ġdida mwerwra,
hemm dell li fih jistkenn ħalliel armat;
reġistru wċuħ imwiegħra, ‘kkanċellati,
tissara kontra xemx li trid tnessih.
Ġo fih hemm belt mixgħula, tfassal, tbaqbaq,
li niżlu fuqh’ aljeni mitfijin;
u kulma ried
ġo nofs das-swied
kien biss li jmur,
u telaq.
U fil-fixla
ħalla nofs bniedem warajh għal dejjem;
miegħu kaxkar biss it-tama
li jiġbor imqar ftit qofol,
ftit biċċiet.