It-Traġedja ta' l-Iljunfant Li Ried Jidħol f'Gaġġa ta' l-Għasafar

Smajt ġrajja mhux tas-soltu,
tingħad mix-xjuħ kultant,
li f'gaġġa ta' l-għasafar,
ried jidħol iljunfant.

Allura dan qatagħha
li jfettaħ naqra l-bieb.
U ħareġ mus għall-gaġġa,
u bih fetaħha ktieb.

Kuntent dan ħejja ruħu
biex fiha jmidd riġlejh;
'żda f'daqqa waħda nduna
bi ħsieb li daħal ħdejh.

Dil-gaġġa kienet gaġġa
imm' issa żgur m'għadhiex.
għax gaġġa tkun tingħalaq,
u din ma tagħlaqhiex.

X'gost fiha tidħol f'gaġġa,
qagħad jhewden l-iljunfant,
jekk din m'għadhiex li kienet,
jekk tkun fettaħtha tant?

Bix-xewqa baqa' mwebbel,
iljieli ma jorqodx;
u ħassu qisu f'gaġġa
li minnha ma toħroġx.